Lokali Qorti

Kundannat sena ħabs; żball fl-akkużi

Iż-żagħżugħ Maximillian Ciantar ġie kundannat sena ħabs wara li nstab ħati illi gideb meta akkuża lill-Pulizija li użaw il-forza fil-konfront tiegħu. Dan kien il-massimu li seta jingħata mill-Maġistrat Joe Mifsud.

Il-każ li dwaru Ciantar instab ħati seħħ f’Mejju tas-sena li għaddiet meta kien twaqqaf mill-Pulizija għaliex inqabad isuq, meta l-liċenzja tiegħu hi miżmuma b’ordni tal-Qorti. Dakinhar, hu prova jweġġa’ lilu nnfisu biex jagħti l-impressjoni li kien imsawwat mill-Pulizija.

Maximillian Ciantar kien akkużat ukoll li ffabrika din l-evidenza biex jitfa’ ħtija fuq ħaddieħor. Iżda din l-akkuża kellha taqa’, minħabba li l-Prosekuzzjoni – u allura l-Pulizija – ħadu żball fid-data meta seħħ il-każ.

Il-Maġistrat Joe Mifsud insista li s-sena ħabs kienet il-massimu li seta jagħti, u saħaq li l-Qorti għandha dejjem tiddefendi lil dawk il-Pulizija li jagħmlu xogħlhom. Il-Maġistrat Mifsud qal ukoll li f’dan il-pajjiż ma nistgħux nibqgħu nittolleraw li kulħadd jgħid li jrid, bi skuża tal-liberta’ tal-espressjoni.

Tenna illi li kieku l-gidba tiegħu fuq il-Pulizija twemmnet, kien ikisser il-karriera ta’ numru ta’ uffiċjali.